Aħna lkoll inħobbu l-ikel.
Dan jikkontribwixxi għas-saħħa tal-familji tagħna, il-kultura u t-tradizzjonijiet tagħna u l-memorji l-aktar għal qalbna.
Fil-qosor, l-ikel huwa parti mill-identità tagħna.
“L-UE U L-Ikel Tiegħi” hija dwar ikel sigur u nutrittiv. Hija dwar is-saħħa tal-annimali tagħna u kif nittrattawhom. Hija dwar il-protezzjoni tal-ambjent tagħna – il-ħamrija, l-ilma u l-arja – li jsostnu l-għelejjel li jipproduċu ħafna minn dak li nieklu.
Kollha kemm aħna rridu ikel li huwa sigur, ingredjenti li nistgħu nintraċċaw u stqarrijiet dwar il-benefiċċji tal-ikel li ġew ippruvati. L-UE tiżgura li l-bdiewa, il-manifatturi u s-supermarkets jipprovdu livell għoli ta’ sigurtà għall-prodotti tagħhom filwaqt li jipprovdu wkoll informazzjoni aċċessibbli mill-konsumaturi dwar l-ingredjenti kollha u l-oriġini tagħhom.
Saħħitna hija marbuta ma’ saħħet l-annimali. Eluf ta’ speċi ta’ annimali jgħixu magħna fuq din il-pjaneta. Madwar 30 % tal-ikel tal-Ewropa jiġi mill-annimali u żewġ terzi tal-għelejjel tagħna jintużaw għall-għalf tagħhom. Għandna bżonn inħarsu saħħet l-annimali, u nagħlfuhom u nikkurawhom tajjeb, u nipproteġu saħħitna wkoll.
L-ikel tagħna jiġi min-natura. It-tibdil fil-klima u l-globalizzazzjoni qed jibdlu l-ekosistema tal-ikel tagħna. Is-salvagwardja tal-kampanja, ix-xmajjar u l-ibħra tagħna hija fundamentali biex l-ikel tagħna jinżamm sigur, tiġi protetta saħħitna u biex ingawdu l-istil tal-ħajja tagħna.